ĠOB 20 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 20It-tieni diskors ta’ Sofar

1Qabeż jitkellem Sofar in-Nagħmi, u qal:

2“Ara, qabbżuni mill-ġdid ħsibijieti,

u t-tqanqil ta’ ruħi ġo fija.

3Għax kif nisma’ ċanfirek iregħexni,

l-ispirtu ġo fija jġagħalni nwieġbek.

4Taf xejn int li minn dejjem,

mindu deher fid-dinja l-bniedem,

5it-trijonf tal-ħżiena ħajtu qasira,

u l-ferħ ta’ bin id-dnewwa jdum waqt wieħed?

6Imqar tilħaq sas-sema kburitu,

u rasu tmiss is-sħab,

7bħall-ħmieġ ta’ ġo msarnu jintrema għal dejjem,

u jgħid min kien jafu: ‘Fejn hu?’

8Jgħib bħal ħolma u ħadd ma jsibu,

bħall-fantażmi tal-lejl jitħarrab.

9L-għajn li kienet tarah ma tilmħux aktar,

lanqas ma tibqa’ tafu daru.

10Uliedu jittallbu bħal foqra

għax kellu jrodd il-ġid tiegħu.

11Għadmu mimli biż-żgħożija,

miegħu fit-trab jimtedd.

12Għalkemm jiġih ħelu l-ħażen f’ħalqu,

u joqgħod ilebbtu bi lsienu;

13għalkemm idewmu u ma jħallihx jinżel,

u f’nofs ħalqu jżommu tajjeb,

14dak l-ikel jitħassar fl-istonku tiegħu,

isir velenu ta’ lifgħa f’imsarnu.

15Il-ġid li bala’ jkollu jaqilgħu,

iqallagħhulu Alla mill-istonku.

16Velenu tas-sriep hu reda’,

u lsien il-lifgħa joqtlu.

17Ma jarax aktar il-gliegel taż-żejt,

lanqas in-nixxigħat tal-għasel u l-ħalib.

18Irodd kulma kiseb bla ma jistgħallu,

mill-ġid li ħażen ma jgawdi xejn,

19talli għaffeġ il-fqir flok ħa ħsiebu,

u seraq djar ħaddieħor flok bena tiegħu.

20Billi qatt ma kienet xebgħana żaqqu,

ma jeħilsux il-ġid li rekken.

21Billi xejn ma ħarab il-kilba tiegħu,

ma jdum xejn ir-risq tiegħu.

22Fl-aqwa tal-ġid jaħkmuh id-dwejjaq,

kull xorta ta’ ħsara tiġi fuqu.

23Hu u jaħseb biex jimla żaqqu,

Alla jimlihielu bin-nar tal-korla tiegħu,

u jsawwabhulu sa ġo msarnu.

24Jekk jaħrab mis-sejf tal-ħadid,

jilħqu l-qaws tal-bronż.

25Il-vleġġa tinfidlu dahru,

il-ponta tleqq toħroġ minn fwiedu,

u t-twerwir jaħkimlu qalbu.

26Merfugħin għalih id-dlamijiet kollha,

nar li ħadd ma qabbdu jaħarqu

u jtemm kulma baqa’ fl-għarix tiegħu.

27Is-smewwiet jikxfulu ħżunitu

u l-art tqum kontrih.

28Daru jkaxkarha l-għargħar,

l-ilma qawwi li jinżel f’jum il-korla.

29Dan sehem il-ħażin mingħand Alla,

dan hu l-wirt li refagħlu Alla.”

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help