ISAIJA Ħarsa ħafifa lejn il-ktieb - Maltese Bible with DC
Ħarsa ħafifa lejn il-ktiebIl-Profeta Isaija tkellem f’isem Alla mal-poplu tas-Saltna ta’ Ġuda matul ir-renju ta’ erba’ slaten, jiġifieri għal madwar 40 sena. F’dawk is-snin l-Imperu tal-Assirja kien qed jinfirex ġmielu u ġnus differenti kienu qed jingħaqdu flimkien biex jiġġieldu kontra l-Assiri. Madankollu, Iżrael u xi pajjiżi oħra ta’ madwar spiċċaw xorta waħda maħkumin minnhom. Eluf ta’ nies ittieħdu priġuniera, u għalkemm Ġuda ma waqgħetx għalkollox, il-poplu kellu jbati b’ħafna taxxi għolja.Hemm tliet messaġġi f’dan il-ktieb. L-ewwel wieħed (kap 1-39) jikkonċerna l-aktar il-qdusija u l-qawwa ta’ Alla fuq id-dinja kollha. L-inġustizzja, il-korruzzjoni u l-vjolenza f’Ġuda qanqlu rabja kbira f’Alla, is-Sultan Qaddis. Minħabba f’hekk il-poplu kellu jiġi kkastigat minn idejn l-Assiri u l-Babiloniżi, imma Alla xorta offra tama lil Iżrael jekk dawn jerġgħu jduru lejh u jafdaw f’idejh il-futur ta’ pajjiżhom.It-tieni parti (kap 40-55) twassal il-messaġġ ta’ Alla lill-poplu li kien diġà kkastigat u li kien qed jgħix fl-eżilju. Kienu tilfu kull tama, imma hu wegħedhom li jerġa’ jiġborhom fil-ħelsien ta’ arthom jekk idawru qalbhom lejh. Riedhom jifhmu li l-idoli m’għandhom l-ebda saħħa, għax il-Mulej huwa l-uniku Alla. Għaliex hu l-ħallieq u l-mexxej assolut tal-popli, Alla seta’ jiġbor lill-poplu mferrex f’ħafna artijiet f’ġens wieħed mill-ġdid b’risq il-barka tiegħu.Alla jwiegħed futur mill-isbaħ għal kull min hu leali lejh, mhux biss mill-poplu ta’ Ġuda, imma mill-ġnus kollha. Dan hu l-messaġġ tat-tielet parti tal-ktieb (kap 56-66). Dawn il-wegħdiet jagħtu l-ħjiel taż-żmien meta Alla kellu joħloq dinja ġdida mimlija hena fejn m’hemmx post għat-tbatija.Għax, arani, se noħloq smewwiet ġodda u art ġdida.Ma jitfakkarx iżjed l-imgħoddi,F’moħħ ħadd aktar ma jiġi.Imma għad jifirħu u jaqbżu bil-ferħ għal dejjem,Minħabba f’dak li għad noħloq jien.Arani, se noħloq Ġerusalemm għall-hena,il-poplu tagħna għall-ferħ.Jien nifraħ b’Ġerusalemm u nitgħaxxaq bil-poplu tiegħi,ma jinstemax aktar fiha leħen il-biki, lanqas leħen in-niket (65,17-19).It-taqsim tal-ktiebTwissijiet u wegħdiet (1,1—12,6)Il-kastig tal-popli (13,1—23,18)Alla jagħmel ħaqq mid-dinja (24,1—27,13)Aktar twissijiet u wegħdiet (28,1—35,10)Is-Sultan Ħeżekija ta’ Ġuda u l-Assiri (36,1—39,8)Messaġġi ta’ tama (40,1—55,13)Twissijiet u wegħdiet (56,1—66,24)