ISAIJA 45 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 45Il-missjoni ta’ Ċiru, sultan tal-Persja

1Dan jgħid il-Mulej lill-midluk tiegħu,

lil Ċiru li qbadt minn idu l-leminija

biex irrażżan il-ġnus quddiemu

u nħoll il-ħżiem ta’ ġenbejn is-slaten;

niftaħ il-bibien quddiemu

u ebda bieb ma jibqa’ magħluq:

2“Quddiemek nimxi jien,

u l-mogħdijiet imħattba tiegħek inwittilek;

inċarrat il-bibien tal-bronż,

u l-istaneg tal-ħadid inqatta’.

3Nagħtik it-teżori fid-dlam moħbija,

il-ħażniet fil-moħbiet mistura,

biex tkun taf li jien il-Mulej,

Alla ta’ Iżrael, li sejjaħtlek b’ismek.

4Minħabba Ġakobb, il-qaddej tiegħi,

u Iżrael, il-maħtur tiegħi,

jien sejjaħtlek b’ismek.

Tajtek isem ta’ ġieħ għad li lanqas tafni.

5Jien il-Mulej, m’hemmx ieħor ħliefi,

m’hemmx Alla ieħor għajri.

Jien ħażżimtek għad li lanqas tafni,

6biex mnejn titla’ x-xemx safejn tinżel,

il-bnedmin jagħrfu li m’hemm ħadd ħliefi.

Jiena l-Mulej, m’hemmx ieħor ħliefi.

7Jien sawwart id-dawl u ħlaqt id-dlam;

jien nagħmel ir-risq u noħloq id-deni;

jiena l-Mulej, li nagħmel dan kollu.”Alla l-ħallieq ta’ kollox

8“Qattru, smewwiet, mill-għoli,

u jraxxax is-sħab il-ġustizzja;

tinfetaħ l-art u tinbet is-salvazzjoni,

u tinbet magħha l-ġustizzja.

Jiena l-Mulej, jien ħlaqtha.

9Ħażin għal min jitlewwem ma’ Min għamlu;

bħal xaqqufa ma’ min jaħdem it-tajn!

Jaqaw jgħid it-tafal lill-fuħħari:

“X’inti tagħmel?”

Jew inkella “xogħlok bla fejda?”

10Ħażin għalih min jgħid lill-missier: “X’inti tnissel?”

jew lil xi mara: “X’inti tiled?”

11Dan jgħid il-Mulej,

il-Qaddis ta’ Iżrael u Dak li sawru:

“Jaqaw tridu tistaqsuni x’ġej fuq uliedi;

jew tordnawli fuq xogħol idejja?

12Jiena għamilt l-art,

u ħlaqt il-bniedem fuqha.

Jiena, idejja firxu s-smewwiet,

u l-qtajja’ kollha tagħhom nikkmanda.

13Jiena qajjimt ’il Ċiru biex jagħmel il-ġustizzja,

u wittejtlu triqatu kollha.

Hu jibni belti, u jeħles lill-ilsiera tiegħi,

bla ħlas u bla għotjiet,”

jgħid il-Mulej tal-eżerċti.

14Dan jgħid il-Mulej:

“Il-ġid tal-Eġittu u l-qligħ ta’ Kus,

u tas-Sabajin, nies twal,

jgħaddu għal għandek u jsiru tiegħek.

Jimxu warajk u jgħaddu mxekkla,

u quddiemek jinxteħtu fl-art,

u jitolbuk u jgħidulek:

‘Għandek biss hemm Alla,

u m’hemmx ieħor għajru,

m’hemmx Alla ħliefu.’ ”

15Tassew int Alla moħbi,

Alla ta’ Iżrael, salvatur.

16Ilkoll imtlew bil-mistħija u l-għajb,

telqu lkoll flimkien imriegħxa

dawk li jsawru l-idoli.

17Iżrael salva bis-saħħa tal-Mulej,

b’salvazzjoni għal dejjem;

qatt ma jkollkom imniex tistħu u tiregħxu,

għal dejjem ta’ dejjem.

18Għax dan jgħid il-Mulej li ħalaq is-smewwiet;

Hu li hu tassew Alla, li sawwar l-art, għamilha u wettaqha,

ma ħalaqhiex għall-baħħ,

sawwarha biex jgħammru fiha:

“Jien hu l-Mulej,

u m’hemm ħadd ħliefi!

19Ma tkellimtx bil-moħbi

f’xi mkien mudlam tal-art.

Ma għedtx lil nisel Ġakobb:

‘Fittixni fil-baħħ.’

Jiena hu l-Mulej li ngħid is-sewwa,

u d-dritt inxandar.”L-allat foloz ta’ Babilonja

20“Inġemgħu, ejjew, ersqu flimkien,

intom il-maħrubin mill-ġnus!

M’għandhomx għaqal dawk li jġorru

l-idoli tagħhom tal-għuda,

dawk li jitolbu lil Alla li ma jsalvax.

21Xandru u ressqu l-kawża tagħkom;

ħa jieħdu l-parir ta’ xulxin.

Min qalu dan żmien ilu?

Min xandru fi żmien il-qedem?

Mhux jien il-Mulej?

U ma hemm ebda Alla ħliefi;

Alla ġust u salvatur, ma hemm ħadd għajri.

22Duru lejja mill-ġdid, truf kollha tal-art,

u intom tkunu salvi!

għax jien hu Alla, u ma hemm ħadd ħliefi!

23Bija nnifsi ħlift,

minn fommi ħarġet il-ġustizzja,

u l-kelma ma terġax lura:

għax quddiemi tiltewa kull irkoppa,

bija jaħlef kull ilsien;

24għalija għad jgħidu;

‘Fil-Mulej waħdu hemm il-ħaqq u l-qawwa;

għandu għad jiġu, kollhom mistħija,

dawk kollha li inkurlaw għalih.

25Fil-Mulej isib il-ġustizzja u jitfaħħar

in-nisel kollu ta’ Iżrael.’

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help