1Il-kelma li ġiet f’dehra lil Isaija bin Amos, dwar Ġuda u Ġerusalemm.
2Għad jiġri fl-aħħar jiem
li l-għolja tad-dar tal-Mulej
togħla ’l fuq mill-qċaċet tal-muntanji,
u tintrefa ’l fuq mill-għoljiet,
lejha għad jiġru l-ġnus kollha.
3Kotra ta’ popli għad jiġu u jgħidu:
“Ħalli mmorru u nitilgħu fuq l-għolja tal-Mulej,
lejn id-dar ta’ Alla ta’ Ġakobb,
biex jgħallimna triqatu,
u nimxu fil-mogħdijiet tiegħu.
Għax minn Sijon joħroġ it-tagħlim,
u l-kelma tal-Mulej minn Ġerusalemm.”
4Il-Mulej jagħmel il-ħaqq bejn il-ġnus,
u jaqta’ s-sentenza bejn ħafna popli;
u huma jibdlu x-xwabel tagħhom f’sikek tal-moħriet,
u l-lanez tagħhom fi mnieġel.
Ebda ġens ma jerfa’ x-xabla kontra ġens ieħor,
u s-sengħa tal-gwerra ma jitgħallmuhiex iżjed.
5Ejja, dar Ġakobb,
ħalli nimxu fid-dawl tal-Mulej!Il-ġudizzju tal-imkabbrin
6Iva! Int abbandunajt il-poplu tiegħek,
id-dar ta’ Ġakobb,
għax imtlew bis-saħħara
u bil-bassara bħall-Filistin,
u ħadu b’idejn il-barranin.
7U arthom imtliet bil-fidda u d-deheb,
u t-teżori tagħhom bla qjies;
pajjiżhom mimli biż-żwiemel,
u l-karrijiet tagħhom bla qjies.
8U mtliet arthom bl-idoli;
iqimu xogħol idejhom,
u kulma ħadmu subgħajhom.
9U l-bniedem jiċċekken,
u r-raġel jaqa’ fix-xejn,
għalhekk la taħfrilhomx!
10Idħol fil-blat u nħeba fit-trab,
minħabba t-twerwir tal-Mulej
u d-dija tal-kobor tiegħu.
11Titbaxxa l-ħarsa mkabbra tal-bniedem,
u s-suppervja tal-bniedem tiġi fix-xejn,
u dakinhar jitgħolla waħdu l-Mulej.
12Għax għad ikun hemm jum għall-Mulej tal-eżerċti,
għal kull min hu kburi u supperv,
għal kull min hu merfugħ u mkabbar;
13għaċ-ċedri kollha tal-Libanu,
imkabbra u għolja,
għall-ballut kollu ta’ Basan;
14għall-muntanji kollha għolja,
għall-għoljiet kollha merfugħa;
15għat-torrijiet kollha għolja;
għal kull sur imsaħħaħ;
16għal kull ġifen ta’ Tarsis,
għal kull xini kollu ġmiel.
17Tiġġarraf il-kburija tal-bniedem,
u titniżżel is-suppervja tal-bniedem;
u dakinhar,
jitgħolla waħdu l-Mulej,
18U l-idoli jdubu għalkollox,
19u n-nies jidħlu fl-għerien tal-blat,
u fil-ħofor tat-trab tal-art,
minħabba t-twerwir tal-Mulej,
u d-dija tal-glorja tiegħu,
meta jqum biex iriegħed l-art.
20Dakinhar il-bniedem jarmi xbihat allatu,
tal-fidda u d-deheb li għamel biex iqimhom;
jixħethom għall-ġrieden u għall-friefet il-lejl;
21biex jidħol fl-għerien tal-blat
u fi xquq l-irdum,
minħabba t-twerwir tal-Mulej
u d-dija tal-glorja tiegħu,
meta jqum biex iriegħed l-art.
22Ħallikom minnu l-bniedem,
għax nifs biss għandu fi mnifsejh,
ma jiswa xejn!
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.