1għax isem ħażin iġib miegħu għajb u twiddib;
hekk jiġrilu min jgħid issa ħaġa u issa oħra.
2Titkabbarx għax moħħok jgħidlek hekk,
li ma tmurx daqs barri ttertaq ruħek.
3Taħli l-weraq tiegħek u teqred il-frott tiegħek,
u tispiċċa qisek zokk niexef.
4Karattru ħażin jeqred il-bniedem,
u jwaqqgħu għal żufjett l-għedewwa tiegħu.
Il-ħbiberija vera5Fomm li jagħti gost ikattar il-ħbieb,
u lsien jitkellem tajjeb ikollu ħafna min jirrispettah.
6Ħa jkunu ħafna dawk li jsellmulek,
imma wieħed f’elf dawk li jagħtuk parir.
7Meta tikseb ħabib, iksbu wara li tkun ġarrabtu,
u tkunx mgħaġġel biex tafda fih.
8Għax hemm min hu ħabib meta jaqbillu,
u ma jiqafx miegħek dakinhar tal-għawġ tiegħek;
9u hemm il-ħabib li jinbidel f’għadu,
u b’għajb tiegħek jikxef li għandu tilwima miegħek;
10u hemm il-ħabib li joqgħod miegħek mal-mejda,
imma ma jiqafx miegħek dakinhar tal-għawġ;
11fit-tajjeb tiegħek ikun qisu int,
u b’wiċċu minn quddiem jikkmanda lill-qaddejja tiegħek;
12imma jekk tkun magħkus, idur kontrik
u jinħeba minn quddiem wiċċek.
13Inqata’ mill-għedewwa tiegħek,
u oqgħod b’seba’ għajnejn fuq ħbiebek.
14Kenn sod il-ħabib ta’ min jafda fih,
u min isib wieħed ikun sab teżor.
15Ma tibdlu ma’ xejn ħabib tafdah,
u m’għandekx kejl biex tkun taf xi jsarraf.
16Duwa tal-ħajja ħabib tafdah,
u jsibu minn jibża’ mill-Mulej.
17Min jibża’ mill-Mulej imexxi tajjeb il-ħbiberija tiegħu,
u kif ikun hu, ikun ħabibu.It-taħriġ fl-għerf
18Ibni, minn ċkunitek agħżel li titgħallem,
u sa ma jibjad xagħrek issib l-għerf.
19Idħol għalih bħal wieħed jaħrat u jiżra’,
u stenna l-frott bnin tiegħu;
għax meta taħdem għalih tegħja ftit,
imma ma ddumx ma tiekol mill-frott li jagħmel.
20Hu aħrax ħafna ma’ min hu bla tagħlim,
u min hu bla moħħ ma joqgħodx miegħu:
21għax l-għerf jagħfas fuqu bħal blata tqila,
u ma jitlifx żmien biex jeħles minnha.
22Għax l-għerf ismu miegħu,
lil ħafna ma jidhrilhomx.
23Agħti widen, ibni, u ilqa’ fehemti,
u tiċħadx il-parir li nagħtik.
24Qiegħed riġlejk fil-ktajjen tal-għerf,
u għonqok fl-irbit tiegħu;
25agħti spalltek ħa ġġorr il-piż tiegħu,
u tiddejjaqx mill-ilġiem tiegħu.
26Ejja għandu b’ruħek kollha,
u b’ħiltek kollha żomm fi triqatu.
27Stħarreġ għalih u fittxu, u ssir tafu,
u meta jiġi taħt idejk, titilqux;
28għax fl-aħħar issib il-mistrieħ li jagħti,
u jinbidel f’ferħ għalik;
29u jkunu għalik il-ktajjen bħal kenn sod,
u l-irbit tiegħu bħal lbies ta’ glorja.
30Il-madmad tiegħu tiżjin tad-deheb,
u lġiemu ħabel tal-porpra.
31Tilbsu daqskieku lbies ta’ glorja,
u tqiegħdu fuqek daqskieku kuruna ta’ ferħ.
32Jekk tixtieq, ibni, tista’ titgħallem,
u jekk tagħti saħħtek għalih, tkun moħħok jilħaqlek.
33Jekk tħobb tisma’, titgħallem;
u jekk tagħti widen, issir għaref.
34Oqgħod fejn jiltaqgħu x-xjuħ;
u fejn hemm xi għaref oqgħod ħdejh.
35Agħti widen għal kull kelma ta’ Alla,
u qwiel ta’ għaqal m’għandhomx jaħarbulek.
36Jekk issib xi bniedem li jifhem,
bakkar biex tmur għandu;
u saqajk jaħfu l-għatba ta’ biebu.
37Ikun moħħok fil-kmandamenti tal-Mulej,
u aħseb dejjem fil-preċetti tiegħu;
hu jqawwilek qalbek,
u tinqatagħlek ix-xewqa li tkun għaref.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.