ĠOEL 4 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 4Fuqiex isir il-ħaqq

1“Għax, ara, f’dawk il-jiem, f’dak iż-żmien,

li fih inġedded ’il Ġuda u ’l Ġerusalemm,

2jiena niġbor il-ġnus kollha,

u nniżżilhom fil-Wied ta’ Ġosafat;

hemmhekk nagħmel ħaqq minnhom

minħabba f’Iżrael, il-poplu u l-wirt tiegħi,

li huma xerrdu fost il-ġnus,

u għax il-pajjiż tiegħi qassmuh bejniethom,

3u tefgħu x-xorti fuq il-poplu tiegħi;

’l uliedhom subien bidluhom man-nisa żienja,

u ’l uliedhom bniet biegħuhom għall-inbid biex xorbuh”.

Tehdid kontra l-Feniċi u l-Filistej

4“U intom ukoll, Tir u Sidon, x’intom għalija?

U l-inħawi kollha tal-Filistja?

Se tagħmlu vendetta intom minni? Imma jekk

tagħmlu vendetta intom minni,

fis ngħaġġel irroddhielkom fuq irjuskom!

5Intom ħtaftu l-fidda u d-deheb tiegħi,

ħadtu l-egħżeż u l-aħjar minn ħwejġi

għat-tempji tagħkom,

6intom lil ulied Ġuda u Ġerusalemm

begħtuhom lil ulied il-Griegi,

bl-għan li tbegħduhom minn arthom!

7Ara, se nqanqalhom minn fejn begħtuhom intom,

u d-deni tagħkom irroddhulkom fuq irjuskom.

8U lil uliedkom, kemm subien kemm bniet,

inbigħhom jien f’idejn ulied Ġuda;

u huma jbigħuhom lin-nies ta’ Saba,

lil ġens imbiegħed;

hekk tkellem il-Mulej!”Sejħa tal-ġnus

9Xandru dan fost il-ġnus:

Ħejju għall-gwerra qaddisa!

Qajmu l-qalbenin!

Ħa jersqu, ħa jitilgħu

l-irġiel kollha tal-gwerra!

10Is-sikek tagħkom dewbuhom fi sjuf,

l-imnieġel tagħkom f’lanez.

Ħa jgħid id-dgħajjef: “Jien qalbieni!”

11Ħaffu u ejjew,

intom ġnus kollha ta’ madwar,

u nġabru hemm!

Niżżel, Mulej, il-qalbenin tiegħek!

12Ħa jitqanqlu l-ġnus u jmorru

fil-Wied ta’ Ġosafat!

Għax hemm se noqgħod biex nagħmel ħaqq

mill-ġnus kollha ta’ madwar.

13Ressqu l-minġel;

għax laħaq il-ħsad!

Ejjew, isħqu b’riġlejkom,

għax mimli l-magħsar;

il-btieti mfawrin,

għax kbira ħżunithom!Jum il-Mulej

14Rassa bla qjies

f’wied is-sentenza!

Għax Jum il-Mulej fil-qrib

f’wied is-sentenza.

15Ix-xemx u l-qamar jiddallmu,

u l-kwiekeb jitilfu dijiethom.

16Il-Mulej iriegħed minn Sijon,

isamma’ leħnu minn Ġerusalemm;

u s-smewwiet u l-art jitriegħdu!

Iżda l-Mulej ikun għall-poplu tiegħu kenn,

ikun fortizza għal ulied Iżrael!

17“Imbagħad tagħrfu li jien il-Mulej, Alla tagħkom,

li ngħammar f’Sijon, il-muntanja mqaddsa tiegħi!

Ġerusalemm tkun post qaddis,

qatt iżjed ma jgħaddu minnha l-barranin!Żmien l-hena tat-tiġdid ta’ Iżrael

18U jiġri dakinhar,

il-muntanji jqattru l-inbid ġdid,

l-għoljiet inixxu l-ħalib,

u l-widien kollha ta’ Ġuda

ifuru bl-ilmijiet.

U minn dar il-Mulej tnixxi għajn

Li ssaqqi Wied Sittim.

19L-Eġittu jsir ħerba waħda,

Edom jinbidel f’deżert li jbikki,

minħabba fil-moħqrija li wrew ma’ wlied Ġuda

meta xerrdu demmhom bla ħtija f’arthom.

20Imma art Ġuda tkun mgħammra għal dejjem,

u Ġerusalemm għal dejjem ta’ dejjem.

21U nitħallas minn demmhom

li s’issa għadni ma tħallastx minnu

u l-Mulej jgħammar f’Sijon.”

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help