ĠOB 10 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 10

1“Ladarba ħajti nistmellha,

irrid niftaħ il-bieb għat-tgemgim tiegħi,

inferragħ l-imrar ta’ ruħi.

2Ngħid lil Alla: “Tikkundannanix,

urini l-għala għandek għalija.

3Hu sewwa għalik li tagħsarni,

li tmaqdar xogħol idejk,

u tgħin il-ħsibijiet tal-ħżiena?

4Għandek int għajnejn tal-laħam,

jew tħares kif iħarsu l-bnedmin?

5Hu għomrok qasir bħal għomor il-bniedem,

u jgħaddu bħal jiemu sninek?

6Int, li tgħarrex għan-nuqqas tiegħi

u tfittixli d-dnub tiegħi,

7int taf tajjeb li jien bla ħtija,

u li ħadd minn taħt idejk ma jeħlisni.

8Kienu jdejk li sawruni u għamluni;

issa bdielek u trid teqridni?

9Ftakar li għamiltni bħal mit-tafal,

u li lejn it-trab għad treġġagħni.

10Mhux bħall-ħalib sawwabtni

u bħall-baqta għaqqadtni,

11bil-ġilda u l-laħam libbistni,

u nsiġtni bl-għadam u bl-għeruq?

12Ħajja tajtni u favuri għamilt miegħi,

u l-providenza tiegħek ħarsitli ruħi.

13Iżda ħbejt xi ħaġa f’qalbek;

issa naf li din kellek f’moħħok.

14Jekk nidneb, int tkun għassa tiegħi

biex ma tħallix għaddejja l-ħtija tiegħi.

15Jekk ninstab ħati, ħażin għalija,

jekk bla ħtija, lanqas nerfa’ rasi,

miksi bl-għajb u mgħargħar fin-niket.

16Jekk nerfa’ rasi, qisek iljun toħroġ għalija

u qawwietek terġa’ turi fuqi.

17Iġġedded kontrija l-ġlied tiegħek,

u l-għadab iżżid kontrija,

bi qtajja’ ġodda jitqabdu miegħi.

18Għalfejn mela ħriġtni mill-ġuf?

Messni mitt bla ma għajn qatt ratni;

19messni kont qisni qatt ma kont;

meħud dritt mill-ġuf għall-qabar.

20Mhux ħaġa żgħira huma jiem ħajti?

Erħini, mela, ħa nduq ftit l-hena,

21qabel ma mmur u ma niġix lura,

lejn art id-dlam u d-dellijiet,

22art imgħargħra fis-swied u t-taħwid,

fejn id-dawl hu nnifsu dlam.”

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help