1Mela semgħu l-għedewwa ta’ Ġuda u Benjamin li dawk li ġew mill-eżilju kienu qed jibnu tempju lill-Mulej, Alla ta’ Iżrael;
2u resqu fuq Żerubbabel u l-kapijiet tad-djar ta’ missirijiethom u qalulhom: “Ħa nibnu magħkom it-tempju tal-Mulej, għax aħna wkoll inqimu lil Alla tagħkom, imma għadna ma offrejna l-ebda sagrifiċċju minn mindu Esarħaddun, sultan tal-Assirja, ġiebna hawnhekk.”
3U weġbuhom Żerubbabel, Ġożwè u l-bqija tal-kapijiet tad-djar ta’ missirijiethom ta’ Iżrael: “Mhux sewwa li aħna u intom nibnu flimkien it-tempju ta’ Alla tagħna. Aħna t-tempju lill-Mulej, Alla ta’ Iżrael, nibnuh weħidna, għax hekk ordnalna Ċiru, is-sultan tal-Persja.”
4Imbagħad in-nies tal-art bdew jaqtgħu qalb in-nies ta’ Ġuda u jissikkawhom biex ma jkomplux jibnu t-tempju.
5U krew xi nies kontrihom biex bil-parir tagħhom iġibu fix-xejn il-pjan tan-nies ta’ Ġuda. Dan dam sejjer minn żmien Ċiru, sultan tal-Persja, sa żmien Darju, sultan tal-Persja.
6Meta kien isaltan Assweru, sewwasew fil-bidu tas-saltna tiegħu, kitbu lis-sultan biex jixlu lin-nies ta’ Ġuda u Ġerusalemm.
7Fi żmien Artasersi, imbagħad, Bislam, Mitredat, Tabel, u l-bqija ta’ sħabhom, kitbu ittra lis-sultan tal-Persja; din l-ittra kienet miktuba bl-Aramajk u mfissra mill-Aramajk.
8Reħum, il-kmandant, u Simsaj, is-segretarju, kitbu ittra kontra Ġerusalemm lil Artasersi, is-sultan.
9L-ittra mbagħad intbagħtet minn Reħum, il-kmandant, Simsaj, is-segretarju, u l-bqija ta’ sħabhom: l-imħallfin, il-gvernaturi, l-uffiċjali, il-Persjani, in-nies ta’ Uruk u ta’ Babilonja, in-nies ta’ Susa, jiġifieri l-Għelamin,
10il-bqija tal-ġnus li kien ġieb il-kbir u nobbli Osnaffar, u qegħedhom fl-ibliet tas-Samarija, u fil-bqija tal-ibliet in-naħa l-oħra tal-Ewfrat.
11Din hija l-kopja tal-ittra li bagħtu:
“Lil Artasersi, is-sultan: mill-qaddejja tiegħek, in-nies li joqogħdu n-naħa l-oħra tal-Ewfrat.
12“Is-sultan għandu jkun jaf li l-Lhud, li telgħu minn ħdejk biex jiġu Ġerusalemm, reġgħu qegħdin jibnu din il-belt mill-agħar li qatt ma toqgħod għal ħadd. Dalwaqt jispiċċaw jibnu l-ħitan, u qegħdin isewwu s-sisien tagħha.
13Is-sultan għandu jkun jaf ukoll li, jekk din il-belt terġa’ tinbena u jilħaq jispiċċa x-xogħol fuq il-ħitan tagħha, ma jħallsux iktar tribut, taxxa, u ħaraġ, u dan jagħmel ħsara għat-teżor tas-sultan.
14Billi aħna nieklu mill-ikel tal-palazz, mhux sewwa li aħna noqogħdu naraw unur is-sultan imżeblaħ; għalhekk qegħdin nibagħtu ngħarrfu lis-sultan b’kollox.
15Ħa jsir tiftix, mela, fil-kotba fejn missirijietek kienu jżommu t-tifkiriet tagħhom. Hemmhekk għandek issib li din il-belt ma toqgħod għal ħadd, iżżeblaħ is-slaten u l-provinċji, u minn żminijiet tal-qedem kien hemm dejjem min ixewwex fiha. Għalhekk din il-belt kienu qerduha.
16Aħna rridu ngħarrfu lis-sultan li, jekk din il-belt terġa’ tinbena u jilħaq jispiċċa x-xogħol fuq il-ħitan tagħha, l-artijiet li hemm in-naħa l-oħra tal-Ewfrat ma jibqgħux tiegħek.”
17U s-sultan bagħat din it-tweġiba:
“Lil Reħum, il-kmandant, lil Simsaj, is-segretarju, lill-bqija ta’ sħabhom li joqogħdu s-Samarija, u lill-bqija ta’ dawk li joqogħdu n-naħa l-oħra tal-Ewfrat: is-sliem!
18“L-ittra li bgħattulna nqrat u tfissritli quddiemi.
19Imbagħad jien tajt ordni, u sar tiftix u nstab li din il-belt minn dejjem qamet kontra s-slaten, u kien hemm rewwixti u tixwix fiha.
20U kien hemm slaten setgħana f’Ġerusalemm li kienu jaħkmu wkoll fuq l-inħawi kollha tan-naħa l-oħra tal-Ewfrat; kienu jiġbru wkoll taxxa, tribut, u ħaraġ.
21Oħroġ għalhekk digriet biex twaqqaf lil dawn in-nies. Din il-belt m’għandhiex terġa’ tinbena sa ma noħroġ digriet ieħor.
22Oqgħod attent li ma tonqosx li tagħmel dan. Għaliex għandu jibqa’ jikber id-deni, u jkun imżeblaħ is-sultan?”
23Kif il-kopja tal-ittra tas-sultan Artasersi nqrat lil Reħum, il-kmandant, lil Simsaj, is-segretarju, u lill-bqija ta’ sħabhom, dawn telqu jgħaġġlu għal għand il-Lhud ta’ Ġerusalemm u bis-saħħa u l-forza waqqfuhom mix-xogħol li kienu qegħdin jagħmlu., sultan tal-Persja.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.