1Salm ta’ David.
Agħtu lill-Mulej, ulied Alla,
agħtu lill-Mulej glorja u qawwa.
2Agħtu lill-Mulej il-glorja ta’ ismu,
qimu l-Mulej fl-għamara mqaddsa tiegħu.
3Leħen il-Mulej fuq l-ibħra;
Alla tal-glorja jriegħed,
il-Mulej fuq l-ibħra kotrana.
4Leħen il-Mulej bil-qawwa,
leħen il-Mulej bil-glorja.
5Leħen il-Mulej ikisser iċ-ċedri;
ikisser il-Mulej iċ-ċedri tal-Libanu.
6Iġiegħel il-Libanu jaqbeż bħal għoġol,
is-Sirjon bħal ferħ ta’ gendus selvaġġ.
7Leħen il-Mulej itajjar ilsna tan-nar.
8Leħen il-Mulej jheżżeż id-deżert;
jheżżeż il-Mulej id-deżert ta’ Kades.
9Leħen il-Mulej jobrom il-ballut,
u jżarma l-foresti;
u fit-tempju tiegħu kulħadd jgħid: Glorja!
10Il-Mulej jaħkem fuq l-għargħar;
isaltan il-Mulej għal dejjem.
11Il-Mulej jagħti l-qawwa lill-poplu tiegħu;
ibierek il-Mulej bis-sliem il-poplu tiegħu!
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.