PROVERBJI 7 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 7Attent mill-mara żienja

1Ibni, ħares kliemi,

u żomm ġo fik il-kmandamenti tiegħi.

2Ħares il-kmandamenti tiegħi u jkollok il-ħajja,

għożż tagħlimi bħal ħabbet għajnek.

3Orbothom ma’ subgħajk,

iktibhom fuq qalbek.

4Lill-għerf għidlu: “Inti ħija”,

u lid-dehen sejjaħlu ħabib tal-qalb,

5biex huma jħarsuk mill-mara żienja,

mill-mara barranija li ssaħħar bi kliemha.

6Kont qiegħed fit-tieqa ta’ dari,

inħares mill-grada tat-tieqa,

7u rajt fost il-boloh,

ilmaħt fost iċ-ċkejknin, żagħżugħ bla moħħ,

8għaddej mit-triq ħdejn il-kantuniera ta’ darha,

miexi lejn in-naħa tad-dar tagħha,

9filgħaxija, fi tmiem il-jum,

xħin kien dieħel il-lejl u joktor id-dlam.

10U ħarġet mara tiltaqa’ miegħu,

liebsa ta’ żienja, qalbha kollha qerq.

11Kollha storbju u bla sabar;

m’għandhomx kwiet f’darha riġlejha;

12issa fit-triq, issa fil-pjazez,

f’kull rokna ssibha tistenna.

13Qabditu u bisitu,

u bil-wiċċ tost kollu qaltlu:

14“Kelli noffri sagrifiċċju tas-sliem,

u llum raddejt il-wegħdiet tiegħi;

15għalhekk ħriġt niltaqa’ miegħek,

ħriġt infittxek, u issa sibtek.

16Frixt l-għata fuq is-sodda tiegħi,

lożor tal-kulur b’ħajt tal-Eġittu;

17fewwaħt soddti bil-mirra,

u friexi bis-sabbâra u l-kannella.

18Ejja, ħa niskru bl-għaxqa tal-imħabba,

nitpaxxew bl-imħabba sa filgħodu.

19Żewġi mhux qiegħed id-dar,

telaq għal vjaġġ fil-bogħod;

20ħa miegħu borża bil-flus;

ma jiġix id-dar qabel il-qamar mimli.”

21Bi kliemha qarrieqi ħajritu,

bil-kliem ħelu tagħha waqqgħetu.

22Iblah li hu, mar warajha,

bħal gendus sejjer għall-qatla,

bħal ċerv marbut rabta sewwa,

23sakemm vleġġa tinfidlu fwiedu;

bħal għasfur jittajjar lejn ix-xibka,

bla ma jaf li hemm ħajtu fin-nofs.

24Għalhekk, issa, ibni, isma’ minni,

agħti widen għal kliem fommi.

25Tħallix qalbek titħajjar minn imġibitha,

tilwix lejn triqatha;

26għax ħafna huma li rebħet u waqqgħet,

bla għadd dawk li hi qatlet.

27Triq lejn qiegħ l-art hi darha,

tieħdok lejn għamajjar il-mewt.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help